Se tidħol fl-UE jew toħroġ minnha wara t-3 ta’ Ġunju bi flus kontanti jew
b’oġġetti ta’ valur li jiswew aktar minn EUR 10 000?
Informa ruħek dwar ir-regoli aġġornati!
Bħala parti mill-isforzi tal-UE biex tindirizza l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-vjaġġaturi kollha li jidħlu fit-territorju tal-UE jew joħorġu minnu diġà huma obbligati jimlew dikjarazzjoni ta’ flus kontanti meta jkollhom EUR 10 000 jew aktar fuqhom (jew l-ekwivalenti f’muniti, bonds, ishma jew ċekkijiet tal-vjaġġaturi). L-awtoritajiet tad-dwana għandhom is-setgħa li jiċċekkjaw persuni, il-bagalji u l-mezzi ta’ trasport tagħhom. Huwa għandhom ukoll is-setgħa li jżommu l-flus kontanti li ma jiġux iddikjarati.
X'se jinbidel mit-3 ta’ Ġunju 2021?
1) Id-definizzjoni ta’ “flus kontanti” fir-regoli se tiġi estiża biex tinkludi oġġetti oħra ta’ valur.
Dan ifisser li minn dik id-data, meta tidħol jew toħroġ mill-UE int tkun tista’ tippreżenta dikjarazzjoni ta’ flus kontanti jekk fuqek ikollok oġġett wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin, inklużi skont id-definizzjoni l-ġdida ta’ flus kontanti, li jiswew EUR 10 000 (jew l-ekwivalenti ta’ dan l-ammont f’muniti oħra) jew aktar:
- Il-karti tal-flus u l-muniti (fosthom ta’ dawk il-valuti li ma għadhomx fiċ-ċirkolazzjoni ġenerali iżda li jkunu għadhom jistgħu jiġu skambjati f’istituzzjoni jew bank ċentrali).
- Strumenti negozjabbli għall-portatur bħal ċekkijiet, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, noti promissorji u money orders,
- Muniti tad-deheb b’kontenut tad-deheb ta’ mill-inqas 90 %,
- Ingotti tad-deheb, biċċiet ta’ deheb jew massa tad-deheb b’kontenut ta’ deheb ta’ mill-inqas 99,5 %.
2) Issa l-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jitolbu wkoll li dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni ta’ flus kontanti tiġi ppreżentata meta jaqbdu EUR 10 000 jew aktar fi flus kontanti (kif inhu inkluż fid-definizzjoni l-ġdida), li jkunu ntbagħtu bil-posta, jew b’servizzi ta’ merkanzija jew ta’ kurrier (flus kontanti mhux akkumpanjati). Jekk tintalab, din id-dikjarazzjoni jenħtieġ li ssir mir-riċevitur minn min jibgħat jew minn rappreżentant maħtur tat-tnejn li huma fi żmien 30 jum.
3) Ir-regoli l-ġodda jawtorizzaw ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana li jieħdu azzjoni dwar ammonti anqas minn EUR 10 000 fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-flus kontanti jkunu marbuta ma’ attività kriminali.
Jekk ma tippreżentax dikjarazzjoni (jew dikjarazzjoni ta’ divulgazzjoni meta tintalab fil-każ ta’ flus kontanti mhux akkumpanjati) fir-rigward ta’ ammonti ta’ flus kontanti li jiswew EUR 10 000 jew aktar, jew jekk ikun hemm indikazzjonijiet ta’ rabta ma’ attività kriminali, il-flus kontanti jkunu jistgħu jinżammu mill-awtoritajiet u tiffaċċja penali. Id-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti nnifisha tirreġistra informazzjoni dettaljata dwar il-provenjenza ekonomika u l-użu futur tal-flus kontanti.
Kif nimla d-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti meta nidħol jew noħroġ mill-UE u jkolli EUR 10 000 jew aktar fi flus kontanti fuqi?
L-Istati Membri jużaw formola ta’ dikjarazzjoni armonizzata li tista’ timtela f’waħda mill-lingwi disponibbli fil-pajjiż tal-UE fejn tkun se tidħol jew minn fejn tkun se toħroġ. Hemm verżjonijiet ta’ referenza tal-formola f’lingwi mhux tal-UE li huma disponibbli biex jgħinu lill-vjaġġaturi jimlew id-dikjarazzjonijiet tagħhom.
Aktar informazzjoni, il-formoli li jintużaw f’kull Stat Membru u l-verżjonijiet ta’ referenza f’lingwi mhux tal-UE jinsabu hawnhekk. Il-formoli huma disponibbli fil-punti tal-qsim tal-fruntiera minn fejn tidħol fl-UE jew minn fejn toħroġ minnha.
Jekk tkun qed iġġorr flus f’isem kumpanija, l-isem tal-kumpanija jrid jingħata fid-dikjarazzjoni. Għal persuni li jivvjaġġaw fi grupp, il-limitu ta’ EUR 10 000 japplika għal kull persuna individwali. L-obbligu li ssir dikjarazzjoni japplika wkoll għall-minorenni permezz tal-ġenituri jew tal-kustodji legali, u għall-persuni f’kustodja permezz tar-rappreżentant legali tagħhom.
Jekk ma tkunx ċert/a dwar jekk ikollokx tiddikjara jew le, jenħtieġ li tieħu parir minn qabel mingħand l-awtoritajiet kompetenti fil-punt tad-dħul jew tal-ħruġ tal-UE.
Liema penali japplikaw għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli jew jekk ma ssirx dikjarazzjoni?
Minbarra l-possibbiltà li l-flus kontanti inkwistjoni jinżammu, kull Stat Membru jista’ japplika l-penali tiegħu stess li jkunu “effettivi, proporzjonali u dissważivi”. Dan jista’ jinkludi multi sinifikanti talli ma tkunx saret id-dikjarazzjoni.
Uħud mill-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-flus kontanti li jinġarru bejn l-Istati Membri tal-UE jew saħansitra f’pajjiż wieħed. Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex parti mir-regoli tal-UE, il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwi li tiċċekkja l-obbligi tiegħek qabel ma tivvjaġġa.
X’isir mid-data li nagħti fid-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti?
L-awtoritajiet rilevanti jżommu l-informazzjoni li tingħata fid-dikjarazzjoni ta’ flus kontanti relatata mal-moviment ta’ flus kontanti li jidħlu fl-UE jew joħorġu minnha għal perjodu ta’ ħames snin qabel ma titħassar.
L-Istati Membri jittrażmettu d-data lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF).
Barra minn hekk l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-każijiet fejn ma ssirx dikjarazzjoni, u dwar il-każijiet fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ rabtiet ma’ attivitajiet kriminali (inkluż għal ammonti inqas minn EUR 10 000). Huma jikkondividu wkoll informazzjoni anonimizzata dwar ir-riskju u riżultati dwar l-analiżi tar-riskju.
F’ċerti każijiet fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ effetti negattivi fuq il-baġit tal-UE, ċerta informazzjoni tista’ tiġi kondiviża mal-Kummissjoni Ewropea, mal- Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u mal-Europol.
- Skeda informattiva dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti li jidħlu fl-UE jew joħorġu minnha
- Lista ta’ awtoritajiet kompetenti bis-setgħa li japplikaw ir-Regolament 2018/1672 fl-Istati Membri tal-UE u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq
- Data statistika dwar il-kontrolli tal-flus kontanti mit-3 ta’ Ġunju 2021 sat-2 ta’ Ġunju 2022 (inklużivi) skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1672 dwar kontrolli fuq flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin minnha
- Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità
- Azzjoni tal-UE kontra l-finanzjament tat-terroriżmu